Il-pandemija tal-coronavirus fixklet il-ħajja ta’ miljuni fid-dinja kollha. L-iskala tal-kriżi kienet tali, li bħala Unjoni biss stajna nipprovdu r-rispons xieraq għaċ-ċittadini tagħna u mexxejna s-solidarjetà internazzjonali biex niżguraw li l-vaċċini sikuri jilħqu l-irkejjen kollha tad-dinja.
Il-Kummissjoni Ewropea ġġieldet il-pandemija fuq tliet fronti:
- Aħna ffukajna fuq it-trażżin tat-tixrid tal-coronavirus billi nipprovdu vaċċini lil kemm jista’ jkun nies.
- Aħna rrispondejna għax-xokk ekonomiku bi pjan ta’ rkupru mingħajr preċedent.
- Bqajna fit-triq it-tajba bit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħna.

Skeda ta’ żmien tal-approvazzjoni: Vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19
- 21 ta' Diċembru 2020BioNTech-Pfizer
- 6 ta' Jannar 2021Moderna
- 29 ta' Jannar 2021AstraZeneca
- 11 ta' Marzu 2021Johnson & Johnson
- 20 ta' Diċembru 2021Novavax
- 24 ta' Ġunju 2022Valneva
Rispons rapidu għall-virus
Fil-bidu tal-pandemija, il-Kummissjoni daħlet fi ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem ma’ produtturi individwali tal-vaċċini f’isem l-Istati Membri. Bis-saħħa ta’ din il-prospettiva, u l-kapaċità li jiġu żgurati l-konsenji tal-vaċċini, l-Ewropa taffiet l-agħar pandemija f’seklu.
Kif sar dan?
Il-Kummissjoni ffinanzjat parti mill-ispejjeż li jiffaċċjaw il-produtturi tal-vaċċini mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza ta’ €2.7 biljun. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni żgurat għadd miftiehem ta’ vaċċini, iż-żmien tal-kunsinna u l-prezz. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kkontribwiet għall-iżvilupp u l-manifattura ta’ vaċċini sikuri u effettivi fi żmien rekord.
Fil-każ ta’ varjanti ġodda, jekk vaċċin adattat jiġi awtorizzat sal-ħarifa 2022, l-UE se jkollha aċċess għall-konsenji fil-forma ta’ vaċċini adattati minn BioNTech-Pfizer u Moderna.
Il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini teħtieġ ukoll trattamenti. Il-pazjenti bil-COVID-19 jeħtieġu trattamenti biex jiġġieldu l-marda, inaqqsu l-għadd ta' rikoverati fl-isptar u jipprevjenu t-telf ta’ ħajjiet. L-istrateġija tal-UE dwar il-prodotti terapewtiċi kontra l-COVID-19 qed tappoġġja l-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-mediċini, inkluż għall-irkupru tal-pazjenti.
F’Otturbu 2021, il-Kummissjoni stabbilixxiet portafoll ta’ 10 prodotti terapewtiċi potenzjali tal-COVID-19. Sa Mejju 2022, ġew awtorizzati tmien trattament għall-COVID-19, u ġew konklużi wkoll diversi kuntratti ta’ akkwist konġunt għall-mediċini tal-COVID-19 mal-manifatturi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-Istati Membri għat-trattamenti tal-COVID-19.

Kooperazzjoni u solidarjetà dinjija
Mill-bidu, l-UE impenjat ruħha favur il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-pandemija. Aħna sirna l-akbar fornitur uniku tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fid-dinja, u wieħed mid-donaturi ewlenin għall-COVAX, inizjattiva globali mmirata lejn aċċess ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19.
- Fi Frar 2022, l-UE wiegħdet €425 miljun fis-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana, biex tgħin biex jitħaffef il-pass tat-tilqim fl-Afrika.
- Fit-tieni Summit Globali dwar il-COVID, f’Mejju 2022, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen wiegħdet € 450 miljun għall-Fond Globali għat-Tħejjija għall-Pandemiji.
- Fil-livell reġjonali, l-UE qed tappoġġja t-tnedija tal-Aġenzija Afrikana għall-Mediċini. Fil-livell nazzjonali, l-enfasi hija fuq iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni u l-ħolqien tal-ekosistema t-tajba għall-investiment.

L-UE kienet fuq quddiem nett tar-rispons kummerċjali globali għall-pandemija. Matul it-12-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’Ġunju 2022, il-membri qablu li jirrinunzjaw għal ċerti obbligi ta’ proprjetà intellettwali li jikkonċernaw il-vaċċini kontra l-COVID-19.
Din hija l-ewwel pandemija miġġielda fl-era diġitali. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE malajr sar standard globali. Adottata f’Ġunju 2021, is-sistema stabbilixxiet qafas komuni għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni tat-tilqim kontra l-COVID-19, tat-testijiet u tal-fejqan biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu. Mill-bidu tal-applikazjzoni tiegħu, inħarġu aktar minn 2 biljun ċertifikat fl-UE kollha.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien innovazzjoni kruċjali fir-rispons tal-Ewropa, u malajr sar standard globali li għen biex jerġa’ jibda l-ivvjaġġar internazzjonali sikur. Minn Awwissu 2022, aktar minn 1.6 biljun persuna fid-dinja kollha jistgħu jużaw iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE għall-ivvjaġġar internazzjonali tagħhom.
L-UE żviluppat standard globali: 48 pajjiż u territorju mhux tal-UE f’ħames kontinenti ngħaqdu mas-sistema, minbarra s-27 Stat Membru.
Fl-2020, Adam King ta’ sitt snin mill-Irlanda, li jbati minn kundizzjoni tal-għadam fraġli, iddeċieda li jrid jibgħat tgħanniqa virtwali madwar id-dinja bħala simbolu ta’ tama matul il-pandemija tal-coronavirus. L-idea tiegħu kienet ta’ suċċess u għenitna nfiqu kollettivament.
Flimkien maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kummissjoni nediet Re-open EU - applikazzjoni tal-web u għall-mobile li tgħin lill-Ewropej isibu informazzjoni aġġornata dwar il-miżuri tal-ivvjaġġar u tas-saħħa fil-pajjiżi Ewropej b’24 lingwa.
Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni bejn il-fruntieri, il-Kummissjoni stabbilixxiet servizz ta' gateway Ewropew ta' interoperabbiltà. Sal-ħarifa 2021, 19-il Stat Membru kienu qed jiskambjaw informazzjoni ta’ kuntatt tar-riskju permezz tas-servizz ta’ gateway Ewropew, bl-apps nazzjonali tagħhom li ġew iddawnlowdjati aktar minn 70 miljun darba.

It-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima għamluha aktar faċli biex il-viruses jgħaddu mill-annimali għall-bnedmin. F’każ ta’ pandemija oħra, l-Istati Membri kollha jridu jkunu mħejjija u reattivi b’mod ugwali. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-pedamenti ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa.
Meta nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa robusta se nkunu qed:
- nipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE
- ngħammru lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jipprevienu u jindirizzaw il-pandemiji futuri
- insaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa.

L-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) qed tikkontribwixxi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħżin ta’ mediċini, vaċċini u kontromiżuri mediċi oħra – bħat-tagħmir protettiv personali.
Sa mill-attivazzjoni tagħha, l-HERA:
- Stabbilixxiet grupp ta’ esperti dwar il-varjanti tal-COVID-19 biex jimmonitorja l-mutazzjonijiet
- xrat vaċċini kontra l-monkeypox
- Waqqfet l-EU FAB – network ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza għall-manifattura tal-vaċċini u tal-mediċini
- Bdiet taħżen tagħmir u drogi kontra theddid kimiku u nukleari
Fl-Estonja, Johanna-Maria Lehtme waqqfet “Slava Ukraini”, għaqda li wasslet aktar minn 60 ambulanza lill-Ukrajna, mimlijin provvisti mediċi u assistenza oħra meħtieġa biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Il-pandemija għad għandha impatt kbir fuq il-pazjenti, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. Hu għalhekk li l-programm EU4Health tfassal biex imur lil hinn mir-rispons għall-kriżijiet biex tiġi indirizzata r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Minħabba t-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija, l-EU4Health qed tinvesti €5.3 biljun biex issaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri.

L-istrateġija farmaċewtika għall-Ewropa, adottata f’Novembru 2020, tippreżenta inizjattivi konkreti biex jiġi żgurat aċċess għal mediċini sikuri, ta’ kwalità għolja, affordabbli għall-pazjenti, filwaqt li tindirizza il-bżonnijiet mediċi mhux sodisfatti. Timmira li ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, tindirizza n-nuqqasijiet u tippromwovi l-awtonomija strateġika tal-UE. F’Marzu 2022, il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ssaħħaħ biex jipprovdi għal monitoraġġ u mitigazzjoni aħjar tan-nuqqasijiet ta’ mediċini kritiċi.
Bl-Ispazju Ewropew il-ġdid tad-Data dwar is-Saħħa, il-Kummissjoni qed tieħu pass storiku lejn il-kura tas-saħħa diġitali fl-UE. Il-Kummissjoni qed tagħti s-setgħa liċ-ċittadini billi tagħtihom kontroll sħiħ fuq id-data dwar saħħithom u tippermettilhom kura tas-saħħa. Se trawwem ukoll suq uniku Ewropew ġenwin għas-servizzi u l-prodotti tas-saħħa diġitali billi toffri qafas biex tintuża d-data dwar is-saħħa għar-riċerka, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika u l-attivitajiet regolatorji. Dan se jkun imprezzabbli għax-xjenzati, ir-riċerkaturi, l-innovaturi u għal dawk li jfasslu l-politika li jaħdmu fuq trattamenti innovattivi li jsalvaw il-ħajja.
Bis-saħħa tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija, u l-miżuri stabbiliti minn dak iż-żmien, l-UE issa tinsab f’pożizzjoni aktar b’saħħitha minn qatt qabel biex tiġġieled kontra kriżijiet tas-saħħa futuri.
Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Id-data f’din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fil-31 ta’ Awwissu 2022