Realtà ġdida

Il-pandemija tal-COVID-19, il-kunflitti internazzjonali, il-migrazzjoni urbana u t-tibdil demografiku qed ibiddlu n-nisġa tas-soċjetà tal-UE. Huwa importanti li nadattaw għal din ir-realtà l-ġdida u nieħdu passi biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE u l-ekonomija jibbenefikaw b’mod pożittiv minnha.
Qed nieħdu approċċ multidimensjonali biex niksbu dan. Qed inwettqu miżuri biex inlaħħqu mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni minn naħa waħda. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tfassil tal-politika tal-UE u t-tiswir tal-futur tal-Ewropa, qed ninvolvu ruħna b’mod attiv maż-żgħażagħ u mal-pubbliku kollu kemm hu.
Nadattaw għal popolazzjoni li qed tixjieħ
L-Ewropa għaddiet minn tibdil demografiku profond u għadha għaddejja minnu. Fl-UE, l-istennija tal-għomor mat-twelid żdiedet b’10 snin f’dawn l-aħħar ħames deċennji. Dan huwa riżultat eċċezzjonali, u juri s-saħħa u l-valur tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħna. Madankollu, popolazzjoni li qed tixjieħ għandha impatt fuq il-mod kif ngħixu, u l-mudell soċjali u l-politiki tagħna jeħtieġ li jiġu adattati għall-pass ta’ din ir-realtà l-ġdida.
X’qiegħda tagħmel il-Kummissjoni bħala tweġiba?
- l-adozzjoni tal-Green Paper dwar it-Tixjiħ kmieni fil-mandat tagħna.
- It-tnedija ta’ dibattitu pubbliku wiesa’ dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jittrattaw l-impatti fit-tul tat-tixjiħ, li jaffettwa l-ġenerazzjonijiet kollha. Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika se jkun rifless b’mod ġenerali fl-istrateġija Ewropea għall-kura, li se jiġi ppreżentat f’Settembru 2022.
Nixprunaw iż-żoni rurali
Iż-żoni rurali huma sawwara attivi fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. Il-libertà li persuna taħdem jew tistudja mill-bogħod qiegħda malajr issir realtà għal ħafna nies li jgħixu fl-UE, u b’hekk qed jinfetħu possibbiltajiet ġodda għall-familji żgħażagħ, għan-negozji u għall-komunitajiet rurali. L-innovazzjonijiet fl-agrikoltura sostenibbli mhumiex biss tajbin għas-saħħa tan-nies u l-klima, iżda wkoll għas-sigurtà tal-ikel tal-Ewropa.
Kif il-Kummissjoni qed tappoġġja ż-żoni rurali
- Ġunju 2021Imnedija viżjoni fit-tul
It-triq lejn żoni rurali b’saħħithom, konnessi u prosperi hija stabbilita.
- Diċembru 2021Il-Patt Rurali
Se jinvolvi l-vuċijiet u l-fehmiet tal-komunitajiet rurali. Pjan ta’ azzjoni rurali, maħluq b’mod konġunt, se jgħin biex il-viżjoni fit-tul tinbidel f’realtà.
- Ġunju 2022Pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza
Il-25 pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza adottati biex jappoġġjaw iż-żoni rurali u remoti b’finanzjament ta’ madwar € 14.6-il biljun, inklużi l-investiment u r-riformi għar-restawr tan-natura, il-konnessjonijiet tal-internet b’veloċità għolja u l-ferroviji lokali.

Nattiraw it-talent
Hija meħtieġa politika ambizzjuża u sostenibbli tal-UE dwar il-migrazzjoni legali biex tgħin tattira t-talent li għandhom bżonn n-negozji tagħna fil-bliet u fiż-żoni rurali. F’April 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tal-ħiliet u t-talent. Dan jinkludi proposti leġiżlattivi biex jittejbu d-drittijiet tal-ħaddiema migranti u biex tiġi ffaċilitata l-mobilità intra-UE għar-residenti fit-tul. Il-Kummissjoni se tniedi ġabra ta’ talenti tal-UE biex tiffaċilita l-adattament għas-suq tax-xogħol ma’ ċittadini mhux tal-UE. Bħalissa qed titnieda skema pilota, li tiffoka fuq ir-refuġjati Ukreni.
Progress dwar il-migrazzjoni u l-ażil
- Settembru 2020Patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil
Il-patt il-ġdid jgħaqqad il-ġestjoni tal-fruntieri robusta u ġusta ma’ regoli effiċjenti u umani dwar l-ażil u l-migrazzjoni.
- Ġunju 2021Strateġija ġdida ta’ Schengen
Il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ġdida biex issaħħaħ iż-żona Schengen biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE, iżżid il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, ittejjeb it-tħejjija u l-governanza u tlesti t-tkabbir taż-żona Schengen.
- Jannar 2022L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil tibda l-operazzjonijiet
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil tibda l-ħidma tagħha ta’ appoġġ għall-pajjiżi tal-UE fl-applikazzjoni tal-pakkett ta’ liġijiet tal-UE li jirregola l-ażil, il-protezzjoni internazzjonali u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, magħrufa bħala s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA).

Anastasiia Konovalova ħarbet minn Odesa għal Bucharest, fejn issa tgħallem lit-tfal Ukreni fil-klassijiet tal-iskola primarja. Għandha 30 sena.

Nistaqsu l-opinjoni taż-żgħażagħ
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-President von der Leyen ipproponiet li l-2022 issir is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Hija opportunità għall-Unjoni Ewropea biex tinvolvi ruħha aktar maż-żgħażagħ, biex tisma’ dak li qed jitolbu u joħolmu għall-Ewropa. L-Ewropa teħtieġ spirtu żagħżugħ biex tegħleb il-pandemija u tibda kapitolu ġdid.
Kif il-Kummissjoni qed tinvolvi liż-żgħażagħ
- Inizjattiva ġdida msejħa ALMA (aspira, tgħallem, aħkem, ikseb) tnediet mill-Kummissjoni fl-2022 biex tgħin liż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli jew żvantaġġati jaċċessaw is-suq tax-xogħol
- il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, imnedija fl-2020, hija impenn mill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li kull persuna taħt l-età ta’ 30 sena tirċievi offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta tkun qiegħda jew minn meta titlaq mill-edukazzjoni
L-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej
Issa fl-10 sena tagħha, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija mod uniku għan-nies biex jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi liġijiet ġodda. Ladarba inizjattiva tilħaq miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni tieħu. Sa minn nofs Settembru 2021, il-Kummissjoni rreġistrat 10 inizjattivi ġodda taċ-ċittadini Ewropej, li talbu għal azzjoni tal-UE f’oqsma li jvarjaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba fis-settur tal-ħwejjeġ għat-tassazzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi u aktar drittijiet tal-annimali. Barra minn hekk, minn dak iż-żmien ’l hawn, tlett inizjattivi oħra li jittrattaw il-bijodiversità ġabru aktar minn miljun firma li jeħtieġ li jiġu vverifikati mill-awtoritajiet nazzjonali:
- Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ tagħhom
- Insalvaw in-naħal u l-bdiewa! Għal agrikoltura favur in-naħal għal ambjent san
- Insalvaw il-kożmetiċi mingħajr krudeltà – Impenn għal Ewropa mingħajr ittestjar fuq l-annimali
Involviment pubbliku akbar fit-tfassil tal-politika
Kif il-Kummissjoni qed tinvolvi liż-żgħażagħ?
- il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jipprovdu input online permezz tal-portal Semma’ Leħnek matul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika
- f’Novembru 2021, biex tkompli tissimplifika l-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet is-sejħiet uniċi għall-evidenza, approċċ li għaqqad żewġ passi preċedenti
- il-konsultazzjonijiet saru aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà
- il-Komunità tar-riċerka xjentifika hija mħeġġa tippreżenta r-riċerka xjentifika rilevanti mill-bidu tal-konsultazzjonijiet
Riżultati tas-sensibilizzazzjoni dwar l-involviment fit-tfassil tal-politika

Mid-9 ta’ Mejju 2021 sad-9 ta’ Mejju 2022 l-Unjoni Ewropea laħqet mijiet eluf ta’ Ewropej li qatt ma ħasbu biex jinvolvu ruħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni tagħna. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet eżerċizzju uniku fid-demokrazija parteċipattiva, ta’ skala u ta’ ambitu mingħajr preċedent.
Aktar minn 750,000 parteċipant qasmu u ddiskutew qrib id-19,000-il idea fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi. Din il-pjattaforma tad-demokrazija deliberattiva, imfassla speċifikament għall-konferenza, daħlu fiha aktar minn 5 miljun persuna.

Leverne Nijman u Leah Corsmit qadfu fuq rota mit-tramuntana tan-Netherlands sa Brussell, b’għotja tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Huma taw taħdidiet dwar l-UE lill-mistednin, u tkellmu ma’ aktar minn 800 żagħżugħ u żagħżugħa biex jiġbru ideat dwar il-futur Ewropew.
Xi jmiss?
Il-Kummissjoni stabbilixxiet erba’ linji ta’ ħidma biex twieġeb għall-proposti tal-konferenza. L-ewwel ġabra ta’ proposti ġodda se titħabbar fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President von der Leyen f’Settembru 2022. Dawn il-proposti se jkunu fost dawk li għandhom jiġu inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2023. Fil-ħarifa 2022 se tiġi organizzata attività ta’ feedback dwar il-konferenza, biex iċ-ċittadini li ħadu sehem fil-konferenza jinżammu infurmati u biex jinżamm il-momentum.
Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Id-data f’din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fil-31 ta’ Awwissu 2022