Fl-2022-23, il-Kummissjoni baqgħet fidila lejn ir-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati. Filwaqt li ddefendiet id-demokrazija u bniet Ewropa b’saħħitha u reżiljenti, l-enfasi kienet fuq is-suġġetti li ġejjin
- Nirrispettaw l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
- Nippromwovu forom ġodda ta’ impenn demokratiku
- Nibnu Unjoni ta’ ugwaljanza
- Inżidu r-reżiljenza u nipproteġu liċ-ċittadini tal-UE
- Negħlbu l-pandemija tal-COVID-19 u nibnu Unjoni tas-Saħħa
- Nibnu sistema ta’ migrazzjoni sostenibbli u ġusta
- Inwieġbu għas-sejħa umanitarja
Nirrispettaw l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna tfakkarna dwar il-ħtieġa li niddefendu d-demokrazija u l-libertajiet mirbuħa b’mod iebes. Kull ġenerazzjoni ta’ Ewropej trid tgħin biex tibni r-reżiljenza tad-demokrazija Ewropea u ġġedded il-wegħda tal-proġett Ewropew għall-paċi.
L-istat tad-dritt – libertà, ġustizzja, ugwaljanza
L-istat tad-dritt jifforma l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni tagħna. Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt annwali jissorvelja l-iżviluppi, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, relatati mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.
Ir-Rapport tal-2023 jirrifletti xejra pożittiva filwaqt li jirrikonoxxi li xi riformi jeħtieġu aktar żmien biex jitlestew.
Ir-Rapport tal-2023 juri li 65% tar-rakkamondazzjonijiet tal-2022 ġew indirizzati mill-Istati Membri.
Politiki effettivi kontra l-korruzzjoni
F’Mejju 2023, il-Kummissjoni ħadet azzjoni deċiżiva biex tiġġieled il-korruzzjoni fl-UE u biex tarmonizza r-regoli tal-UE dwar id-definizzjonijiet tar-reati ta’ korruzzjoni u l-pieni għalihom. L-għan huwa li
- jiġu żgurati standards għoljin kontra l-firxa sħiħa ta’ reati ta’ korruzzjoni
- jittejjeb l-infurzar tagħhom
- jiġu stabbiliti strutturi fl-Istati Membri li għandhom jipprevjenu aħjar il-korruzzjoni.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll reġim ġdid ta’ sanzjonijiet iddedikat biex jiġu mmirati atti serji ta’ korruzzjoni fid-dinja kollha.
Il-politiki kontra l-korruzzjoni huma parti essenzjali mill-ambjent abilitanti meħtieġ għall-istat tad-dritt, flimkien ma’
- ir-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja
- media ħielsa u pluralistika
- amministrazzjoni pubblika trasparenti u ta’ kwalità għolja
- u soċjetà ċivili ħielsa u attiva.
Proposta biex jinħoloq Korp tal-Etika interistituzzjonali
F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien tal-Korp tal-Etika Interistituzzjonali; se jkun hemm standards komuni għall-imġiba etika tal-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE u mekkaniżmu formali għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ fehmiet dwar ir-rekwiżiti etiċi fost l-istituzzjonijiet.
Nippromwovu forom ġodda ta’ impenn demokratiku
L-involviment taċ-ċittadini
Wara l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, eżerċizzju bla preċedent fid-demokrazija parteċipattiva, il-Kummissjoni qed taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini.
Fil-Panels taċ-Ċittadini li għadhom kif ġew introdotti, madwar 150 individwu magħżula b’mod aleatorju jipprovdu għarfien qabel ċerti proposti kruċjali tal-Kummissjoni. L-enfasi hi fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u r-rwol kruċjali tagħhom fit-tiswir tal-futur.
Fil-Panels taċ-Ċittadini l-ġodda, madwar 150 individwu magħżula b’mod aleatorju jipprovdu għarfien qabel proposti kruċjali tal-Kummissjoni. Is-suġġetti ewlenin koperti fl-2023 kienu l-ħela tal-ikel, id-dinjiet virtwali, u l-mobbiltà għat-tagħlim.
Il-100 Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
Fit-18 ta’ April 2023, il-Kummissjoni rreġistrat il-100 inizjattva li titlob biex l-ibliet Ewropej kollha jkunu konnessi b’ferroviji b'veloċità għolja. Sa mill-bidu tagħhom fl-2012, l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej kienu għodda b’saħħitha ta’ demokrazija parteċipattiva, u ġabru aktar minn 17-il miljun firma għal diversi proposti.
Nibnu Unjoni ta’ ugwaljanza
Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata lejn soċjetà fejn kulħadd igawdi opportunitajiet indaqs biex jiffjorixxi. Kulħadd għandu jkun liberu li jesprimi l-individwalità tiegħu, jgħid dak li għandu f’moħħu, jipprattika twemminu liberament u jħobb lil min irid.
Ugwaljanza bejn il-ġeneri
L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 tenfasizza l-importanza li titrawwem soċjetà u ekonomija b’saħħithom u ugwali bejn il-ġeneri. F’konformità magħha, ippreżentajna proposti biex
- nipproteġu u nsaħħu d-drittijiet tal-familji f’sitwazzjonijiet transfruntiera
- insaħħu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, biex fl-aħħar negħlbu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fit-trab tal-istorja.
- neqirdu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
F’Novembru 2022, biex intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi, adottajna regoli importanti, li jobbligaw li mill-inqas 40% tal-pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi f’kumpaniji kkwotati fil-Borża jridu jkunu okkupati mis-sess sottorappreżentat sal-2026.
Il-qerda tal-vjolenza kontra n-nisa
Fl-1 ta’ Ġunju 2023, 7 snin wara l-proposta tal-Kummissjoni, l-UE finalment aderixxiet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Ninsabu fil-proċess li ninnegozjaw standards minimi fil-liġi tal-UE biex
- nikkriminalizzaw ċerti forom ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru
- intejbu l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi
- niżguraw il-koordinazzjoni bejn is-servizzi rilevanti
- nipprevjenu dawn it-tipi ta’ reati.
Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ
Kif previst fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025, il-Kummissjoni ppreżentat proposta f’Diċembru 2022 biex issaħħaħ il-korpi tal-ugwaljanza fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, billi tistabbilixxi standards minimi f’termini tal-mandat, is-setgħat, il-kompiti, ir-riżorsi u l-indipendenza tagħhom.
Il-ġlieda kontra r-razziżmu
Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu 2020-2025, il-Kummissjoni
- inkoraġġiet lill-Istati Membri biex jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu sa tmiem l-2022.
- ħeġġet lill-Istati Membri jfasslu strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.
- evalwat l-oqfsa nazzjonali tar-Rom
- ħatret koordinatur ġdid biex jiġġieled il-mibegħda kontra l-Musulmani.
Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabilità.
Il-persuni b’diżabilità huma intitolati li jipparteċipaw bis-sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja bħal kulħadd. Il-Pakkett dwar l-Impjiegi tal-Persuni b’Diżabilità, ippreżentat f’Settembru 2022, jappoġġja lill-Istati Membri
- fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali
- fil-ġlieda kontra l-faqar
- fit-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-persuni b’diżabilità.
F’Settembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għall-introduzzjoni tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE, li hija maħsuba biex tiżgura r-rikonoxximent transfruntier tal-istatus ta’ diżabilità. Dan se jiffaċilita soġġorni qosra fi Stati Membri oħra billi jagħti l-istess aċċess fl-UE kollha għal kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali fir-rigward ta’ servizzi bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.
Inżidu r-reżiljenza u nipproteġu liċ-ċittadini tal-UE
Taħt l-Unjoni Ewropea tas-Sigurtà, l-UE hija ddedikata għall-protezzjoni taċ-ċittadini u n-negozji kollha tagħha, kemm online kif ukoll offline. Minn Lulju 2020, saru passi sostanzjali, li saħħew l-erba’ pilastri tal-istrateġija.
Minn Lulju 2020, saru passi sostanzjali, li saħħew l-erba’ pilastri tal-istrateġija:
- l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet
- it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà
- it-trawwim tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi
- u l-appoġġ għar-reżiljenza kontra t-theddid ibridu
Barra minn hekk, issa hemm fis-seħħ regoli moderni li jiżguraw l-aspetti fiżiċi u diġitali tas-setturi tal-infrastruttura kritika, inklużi l-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-ispazju, it-telekomunikazzjoni u d-diġitali.
Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà
L-Att dwar is-Solidarjetà Ċibernetika propost għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fl-Unjoni biex jiġi miġġieled it-theddid ċibernetiku billi
- itejjeb id-detezzjoni u s-sensibilizzazzjoni tat-theddid
- isaħħaħ it-tħejjija tal-entitajiet kritiċi
- isaħħaħ il-kapaċitajiet miftiehma ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u ta’ rispons fl-Istati Membri.
Strateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima
F’Marzu 2023, il-Kummissjoni żvelat Strateġija aġġornata għas-Sigurtà Marittima tal-UE, li tipproponi miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà marittima, inklużi
- eżerċizzji navali fil-livell tal-UE
- operazzjonijiet imtejba tal-gwardja tal-kosta
- spezzjonijiet tas-sigurtà msaħħa fil-portijiet tal-UE, bl-għan li titrawwem kooperazzjoni aktar profonda ma’ sħab bħan-NATO biex jinżamm l-ordni bbażat fuq ir-regoli fuq il-baħar.
Strateġija Spazjali Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża
L-Istrateġija Spazjali Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża tirrifletti r-rikonoxximent tal-UE tal-ispazju bħala dominju strateġiku kkontestat, u għandha l-għan li
- tipproteġi l-assi spazjali tagħha bħas-satelliti
- tiskoraġġixxi attivitajiet ostili fl-ispazju bħall-ispjunaġġ
- issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha.
Inawgurat f’Jannar 2023, huwa l-ewwel port spazjali fl-UE kontinentali. Hu jista’ jillanċja kostellazzjonijiet ta’ satelliti żgħar li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ osservazzjoni tad-dinja tal-UE, li huma kruċjali biex jiġu miġġielda d-diżastri klimatiċi jew it-theddid militari f’ħin reali.
Inżidu r-reżiljenza għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem
Ir-riżerva ta’ inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar tar-rescEU rduppjat bi tħejjija għal dan is-sajf u issa tinkludi 24 ajruplan u 4 ħelikopters minn 10 Stati Membri. Fl-2023, l-UE mmobilizzat, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, mijiet ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar, vetturi u ajruplani għal nirien kbar ħafna fl-Ewropa u biex turi solidarjetà mas-sħab internazzjonali tagħna, bħall-Kanada. Fl-2022, il-Kummissjoni żviluppat ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni tan-Nirien fil-Foresti.
Fi Frar 2023, il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni u Komunikazzjoni biex tistabbilixxi għanijiet komuni biex jagħtu spinta lir-reżiljenza Ewropea għad-diżastri fil-qasam protezzjoni ċivili. Dan jinkludi modi biex il-pajjiżi Ewropej jitħejjew aħjar għall-perikli naturali, inklużi t-terremoti, l-għargħar, u n-nirien fil-foresti.
Il-President von der Leyen żaret żoni mgħarrqa tal-Emilia-Romagna, fl-Italja, biex tara hija stess is-sens qawwi ta’ altruwiżmu u solidarjetà li wrew mijiet ta’ voluntiera. Ħafna ħadu l-liv mix-xogħol biex jassistu fit-tindif massiv meħtieġ u biex jgħinu lil dawk li tilfu djarhom u n-negozji tagħhom biex jibnu mill-ġdid.
Negħlbu l-pandemija u nibnu Unjoni tas-Saħħa
COVID-19
Fil-5 ta’ Mejju 2023, il-COVID-19 tneħħa uffiċjalment mill-istatus tiegħu bħala emerġenza tas-saħħa dinjija. L-ispirtu qawwi tagħna ta’ reżiljenza, solidarjetà u koordinazzjoni, u l-fiduċja profonda u l-investiment qawwi tagħna fix-xjenza u l-innovazzjoni ppermettewlna negħlbu din il-kriżi bla preċedent.
L-istrateġija tal-UE għall-vaċċini
L-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini tat riżultati impressjonanti b’aktar minn 70% tal-popolazzjoni tal-UE mlaqqma kompletament kontra l-COVID-19.
Permezz tal-EU FAB (Network tal-produtturi tal-vaċċini għall-emerġenzi tas-saħħa futuri), b'kapaċità kontinwa biex jiġu prodotti bejn 500 u 700 miljun doża ta’ vaċċini kull sena, nistgħu niżguraw li l-vaċċini jkunu disponibbli malajr biex tiġi miġġielda kwalunkwe kriżi futura. Aħna nibqgħu impenjati li niżguraw li l-vaċċini jkunu aċċessibbli għall-partijiet kollha tad-dinja. Minn Diċembru 2020, ġew esportati kważi 2.5 biljun doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 lejn 168 pajjiż.
- Aktar minn 70% tal-popolazzjoni tal-UE hija kompletament imlaqqma kontra l-COVID-19
- Bejn 500 u 700 miljun doża ta’ vaċċini jistgħu jiġu prodotti kull sena f’każ ta’ kriżi futura
- Minn Diċembru 2020, ġew esportati kważi 2.5 biljun doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 lejn 168 pajjiż.
Iċ-Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE
Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ffaċilita l-ivvjaġġar sikur u mingħajr ħlas għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea kollha meta l-Istati Membri rrestrinġew l-ivvjaġġar matul il-pandemija. Inħarġu aktar minn 2.3 biljun ċertifikat fl-UE mit-tnedija tiegħu fl-2021. Abbażi tas-suċċess tiegħu, f’Ġunju 2023, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa adottat is-sistema tal-UE ta’ ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19, biex tistabbilixxi sistema dinjija li se tgħin tipproteġi liċ-ċittadini fid-dinja minn theddid għas-saħħa kontinwu u futur.
Unjoni Ewropea tas-Saħħa
F’din l-aħħar sena, kompliet il-ħidma biex tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha biex tipproteġi aħjar is-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Hi tgħammar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprevjenu u jindirizzaw aħjar pandemiji futuri u jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa.
Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer
B’aktar minn 2.7 miljun dijanjożi tal-kanċer u 1.3 miljun fatalità rreġistrati fl-UE fl-2020, il-Pjan dwar il-Kanċer huwa l-aktar inizjattiva komprensiva tal-UE li qatt saret dwar il-kanċer u huwa ffinanzjat b’mod robust b’baġit ta’ €4 biljun. Bħala parti minnu, f’Settembru 2022 ġie introdott approċċ ġdid ibbażat fuq ix-xjenza għall-iskrinjar tal-kanċer u fl-2023 tnediet l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer, bl-użu tas-setgħa tad-data u tat-teknoloġiji diġitali biex jiġi identifikat u indirizzat aħjar il-kanċer.
- 2.7+ miljun djanjożi tal-kanċer fl-2020
- 1.3 miljun fatalità fl-UE fl-2020
- baġit ta’ €4 biljun għall-Pjan dwar il-Kanċer
Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika
F’April 2023 żdied pilastru ewlieni għall-Unjoni Ewropea tas-Saħħa — l-aktar reviżjoni sinifikanti tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika f’għoxrin sena. Din għandha l-għan li toħloq suq uniku għall-mediċini billi tippromwovi d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà aħjar tal-mediċini filwaqt li ssaħħaħ l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija farmaċewtika tal-UE.
L-ewwel approċċ komprensiv tal-UE għas-saħħa mentali
L-ewwel approċċ komprensiv tal-UE għas-saħħa mentali, li ġie żvelat f’Ġunju 2023, jirrifletti r-rakkomandazzjonijiet miċ-ċittadini fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jwieġeb għat-talbiet tal-Parlament Ewropew għal azzjoni akbar dwar is-saħħa mentali. Hu jressaq azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ saħħa mentali tajba, b’enfasi speċjali fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri li jpoġġu lin-nies u s-saħħa mentali tagħhom l-ewwel permezz ta’ 20 inizjattiva ewlenija u €1.2 biljun ta’ finanzjament tal-UE.
Nibnu sistema ta’ migrazzjoni sostenibbli u ġusta
Bil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni fl-Ażil, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ u tintegra l-politiki ewlenin tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri. Qbil dwar is-sett sħiħ ta’ riformi tal-ażil u l-migrazzjoni li qed jiġu nnegozjati bħalissa huwa kruċjali.
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin
Fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ ir-regoli li jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin.
Ir-regoli aġġornati se jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jinvestigaw u jħarrku forom ġodda ta’ sfruttament u jgħinu fl-identifikazzjoni u l-appoġġ tal-vittmi.
Kull sena aktar minn 7,000 persuna jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE. Il-maġġoranza tal-vittmi huma nisa u bniet, iżda s-sehem ta’ vittmi rġiel qed jiżdied ukoll, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ sfruttament ta’ ħaddiema.
Migrazzjoni tal-ħaddiema tas-sengħa
L-iżvilupp ta’ perkorsi legali jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u jista’ jgħin biex jissaħħu l-ekonomiji Ewropej. Għal dan l-għan, f’Ottubru 2022, il-Kummissjoni nediet l-ewwel pjattaforma għall-UE kollha bl-għan li l-UE ssir aktar attraenti għal ċittadini mhux tal-UE li qed ifittxu opportunitajiet ta’ impjieg fl-UE. Dan se jgħin lill-impjegaturi tal-UE jsibu t-talent li jeħtieġu u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.
Barra minn hekk, biex tavvanza l-migrazzjoni tal-ħaddiema tas-sengħa minn pajjiżi mhux tal-UE lejn l-UE u biex tiżgura li tkun ġestita tajjeb u mmirata lejn fejn jinsabu l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet, f’Jannar 2023, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma għall-Migrazzjoni tal-Ħaddiema.
Inwieġbu għas-sejħa umanitarja
Filwaqt li pprovdiet appoġġ bla preċedent lill-Ukrajna, il-Kummissjoni Ewropea kompliet ukoll tipprovdi għajnuna umanitarja madwar id-dinja lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Fl-aħħar sena, il-livell diġà rekord ta’ ħtiġijiet umanitarji ma għamilx ħlief kompla jiżdied globalment. L-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, ħabbru finanzjament umanitarju inizjali ta’ €8.4 biljun għall-2023, bħala espressjoni konkreta tas-solidarjetà dinjija u tar-rwol ewlieni tal-UE fl-azzjoni umanitarja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE ospitaw b’mod konġunt Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b’solidarjetà mal-vittmi tat-terremot. Il-wegħdiet totali tal-konferenza ammontaw għal kważi €7 biljun, li minnhom €6.05 biljun ingħataw f’għotjiet u self għat-Turkija u €911-il miljun ingħataw f’għotjiet għas-Sirja.
F’Ġunju 2023, l-UE ospitat is-7 konferenza fi Brussell dwar il-futur tas-Sirja u r-reġjun, li wegħdet €5.6 biljun. Il-konferenza tenniet l-appoġġ kontinwu tal-UE u tal-komunità internazzjonali għall-poplu Sirjan, ir-refuġjati Sirjani u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fil-pajjiżi ġirien.
L-UE u l-Kanada ospitaw flimkien il-Konferenza Internazzjonali f’Solidarjetà mar-Rifuġjati u l-Migranti Venezwelani u l-Pajjiżi u l-Komunitajiet Ospitanti tagħhom. L-avveniment iffoka fuq l-importanza ta’ azzjoni koordinata fir-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni.
Għall-gwerra li faqqgħet f’April 2023 fis-Sudan, l-UE żiedet il-finanzjament umanitarju inizjali tagħha ta’ €73 miljun b’€60 miljun addizzjonali f’Ġunju 2023. L-UE nediet ukoll Pont Umanitarju bl-Ajru għas-Sudan u l-viċinat taċ-Ċad biex iġib oġġetti li jsalvaw il-ħajjiet fil-pajjiżi.
F’Novembru 2022 tnieda pont umanitarju bl-ajru lejn il-Burkina Faso. Dan għen biex jitwasslu ikel u provvisti essenzjali lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni f’riskju ta’ ġuħ f’żoni taħt imblokk.
F’Marzu 2023, l-UE waqqfet operazzjoni ta’ pont umanitarju bl-ajru lejn Goma. Appoġġjata minn Franza, hija wasslet provvisti mediċi u nutrizzjonali, fost oġġetti oħra.
Sabiex tiffaċilita t-twassil ta’ għajnuna li ssalva l-ħajjiet, l-UE operat 29 titjira tal-merkanzija permezz tal-pont umanitarju bl-ajru lejn l-Afganistan minn Awwissu 2021, bl-aħħar titjira tinżel fl-Afganistan fl-24 ta’ Mejju 2023.
Fi Frar 2023, l-UE kkoordinat l-iskjerament ta’ aktar minn 250 pumpier tal-UE fiċ-Ċilì flimkien ma’ esperti ta’ koordinazzjoni, u persunal mediku permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Sabiex tindirizza l-agħar nirien f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kanada rċeviet ukoll assistenza immedjata għat-tifi tan-nar.